Id-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ fetħet uffiċjalment bħala dar tal-irtiri fl-1990. Id-Dar tinsab fil-limiti tar-Rabat, lil hemm min-Nigret u Għar Barka. Huwa post ta’ skiet kbir u mdawwar minn kampanja sabiħa u għalhekk joffri ambjent ideali għal irtir fis-silenzju.
Mifrux fuq l-art mħollija min-nobbli Margerita d’Aragona, madwar is-sena 1418 hawn inbena l-ewwel kunvent tal-Karmelitani f’Malta li jinkludi l-kappella mdaqqsa tal-Lunzjata, li parti minnha tmur lura għas-seklu ħmistax, u l-għar ta’ San Anard li hu kappella-għar medjevali.
Id-dar tilqa’ fiha gruppi għal jiem ta’ irtir fis-silenzju. Toffri wkoll programm ta’ Irtiri Karmelitani fis-silenzju immexxija mir-Reliġjużi Karmelitani. Mgħammra bi tmintax-il kamra en suite u l-kumditajiet meħtieġa, inklużi żewġ kmamar għal persuni bi bżonnijiet speċjali, ġnien, refettorju, sala kbira u oħra iżgħar, żewġ kappelli fuq ġewwa, knisja u kamra għad-direzzjoni spiritwali. Fil-każ ta’ rtiri residenzjali, jiġu offruti lożor u xugamani. Id-dar tilqa’ sa 30 ruħ residenti u sa 70 ruħ għal ġurnata.
Id-dar tilqa’ wkoll indiwidwi (sa erba’ min-nies f’żewġt ikmamar) fil-kunvent l-antik li jkunu jixtiequ jagħmlu rtir weħidhom fis-silenzju. Dan is-servizi jiġi offrut fuq bażi ta’ self-catering. Jiġu offruti lożor u xugamani. Il-kunvent l-antik huwa mgħammar bi kċina, kappella, u żewġt ikmamar en suite.
Responsabbli tad-Dar
Direttur: P. Joseph Saliba, O.Carm., Pirjol Provinċjali
Ekonomu Provinċjali: Sur Louis Farrugia
Amministratur: Sur Joe Rapinet
Direzzjoni u Amministrazzjoni
Indirizz: Dar tat-Talb “Lunzjata”, Limiti tal-Lunzjata, Ir-Rabat RBT 3240, Malta
Telefon: (+356) 21459021
Imejl: lunzjata@karmelitani.org
Facebook: Dar tat-Talb “Lunzjata”
Fil-kappella tal-Lunzjata, kull l-ewwel u t-tielet Ħadd tax-xahar (esklużi l-Ħdud minn Lulju sa Settembru) ikun hemm Quddiesa fl-4:00 p.m.