
Il-kitbiet ta’ San Titu Brandsma, Karmelitan Olandiż, li kiteb waqt li kien miżmum fil-ħabs ta’ Scheveningen, kienu maqluba għall-Ingliż u miġbura flimkien fit-tielet volum tas-sensiela “The Collected Works of Titus Brandsma”. (Tmien ittri, indirizzati lill-familja, lir-reliġjużi sħabu, lill-kollegi u kollaboraturi tiegħu, kienu ppubblikati fit-tieni volum.) It-tielet volum jiġbor fih:
– Tweġiba għall-mistoqsija uffiċjali magħmula lil Patri Titu minn dawk li arrestawh;
– Kwotazzjonijiet ta’ kuraġġ li huwa ftakar f’dan iż-żmien ta’ dlam;
– Orarju tal-ġurnata li għamel għalih nnifsu sabiex jagħmel tajjeb għall-jiem li kellu jgħaddi waħdu;
– Reċensjoni taż-żewġ kotba li kellu miegħu;
– Il-bijografija ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, li xtaq jikteb ħafna snin qabel;
– “It-Triq tas-Salib”, kummentarju għall-istazzjonijiet tal-Via Sagra li saret f’Dokkum;
– Żewġ poeżiji;
– Noti għal-lekċers li kien bi ħsiebu jagħmel dwar Geert Grote u John Brugman;
– Petizzjoni lis-Sicherheitsdienst Ġermaniż (is-Servizz tas-Sigurtà Nazista);
L-istess volum jinkludi fih bijografiji qosra ta’ Karmelitani oħra li kienu fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau flimkien ma’ San Titu Brandsma u tagħrif ieħor dwar reliġjużi u saċerdoti oħra li mietu martri. Insibu wkoll deskrizzjoni ta’ kif it-Tieni Gwerra Dinjija affettwat il-ħajja Karmelitana madwar id-dinja. Fl-aħħar nett hemm diversi artikli dwar xi aspetti mill-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, li kellha influwenzat kbira fuq Patri Titu.
Dan il-volum ta’ 485 paġna, jinsab għall-biegħ mill-Edizioni Carmelitane (Ruma) għall-prezz ta’ €47 u minn diversi ħwienet oħra online. Fi żmien qasir dan il-volum se jkun disponibbli wkoll bħala ebook.