Ir-relikwi ta’ San Titu Brandsma jżuru l-knejjes tal-Filippini

Bil-għan li l-ħajja tal-qaddis tkun aktar magħrufa fost l-Insara, il-Kunsill Provinċjali tal-Karmelitan fil-Filippini ddeċieda li bejn Lulju 2022 u Lulju 2023 ir-relikwi ta’ San Titu Brandsma jibdew iduru l-knejjes tal-pajjiż. F’għeluq is-sena r-relikwi kienu diġà għamlu aktar minn 90 waqfa, u minkejja li s-sena ta’ dan il-programm għalqet, aktar djoċesijiet qed jitolbu lill-Karmelitani sabiex ir-relikwi ta’ San Titu Brandsma jżuru l-knejjes tagħhom ukoll.

Il-preżenza spiritwali ta’ San Titu Brandsma permezz tar-relikwi tiegħu, ipprovdiet lill-fidili b’diversi opportunitajiet u hekk setgħu jġarrbu l-imħabba ta’ Alla. Il-programm ta’ kull vista kien jinkludi katekeżi, lectio divina, Quddiesa ta’ merħba, ħin iddedikat għas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni u Quddiesa tal-għeluq. Ir-relikwi kienu akkumpanjati minn grupp ta’ Karmelitani li offrew is-servizz pastorali tagħhom kif ukoll is-sigurtà tar-relikwi.

Fost iż-żjajjar tar-relikwi li saru matul is-sena, ta’ min isemmi l-Konferenza Annwali tas-Superjuri Maġġuri tal-Filippini (fejn il-Karmelitani kellhom l-okkażjoni jippreżentaw il-ħajja ta’ San Titu u mumenti ta’ talb), kif ukoll waqt il-Konferenza Annwali tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Filippini (CBCP). L-Isqfijiet laqgħu l-idea li San Titu jkun ippreżentat bħala Nisrani li “fittex, iddefenda u ppromwova l-verità”.

P. Esmeraldo Reforeal, O.Carm., il-koordinatur ta’ dan il-programm, qal li matul din is-sena “ir-relikwi ta’ San Titu Brandsma għaddew minn parroċċa għall-oħra, minn monasteru għall-ieħor, minn djoċesi għall-oħra, minn gżira għall-oħra, u biex dan seta’ jsir kellna nivvjaġġaw fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru.” Ta’ min ifakkar li r-Repubblika tal-Filippini hija ffurmata minn arċipelagu ta’ 7,641 gżira! Minkejja li dawn il-vjaġġi kienu tassew impenjattivi, P. Esmeraldo jħossu sodisfatt bil-ġid li ħareġ minn din l-attività.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *