Bejn is-27 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2023 saret f’Ruma s-seba’ laqgħa tas-Segretarjat Internazzjonali għal-Lajċi Karmelitani iffurmat minn membri ġejjin mill-Kenja, mill-Indoneżja, mill-Brażil, minn Spanja u mill-Irlanda. Huma kienu mmexxija minn P. Luis Maza Subero, O.Carm., id-Delegat Ġenerali għal-Lajċi Karmelitani, u P. Tobias Kraus, O.Carm., mill-Ġermanja, traduttur.
Matul dawn il-jiem il-membri tas-Segretarjat ħadmu fuq it-tliet fażijiet tal-itinerarju tal-proċess kollu. L-ewwel fażi, li għandha ssir fuq livell lokali mill-15 ta’ Ottubru 2023 sal-25 ta’ Marzu 2024, hija maħsuba bħala mument ta’ riflessjoni fuq dokument li tħejja apposta mis-Segretarjat, kif ukoll kwestjonarju, li r-riżultat tagħhom għandu jwassal għall-pubblikazzjoni tal-Instrumentum Laboris. It-tieni fażi se tkun il-Kungress innifsu, li se jsir bejn il-15 u l-21 ta’ Settembru 2024 fid-dar tal-irtiri li tinsab Sassone (Ruma), fejn permezz ta’ konferenzi u workshops, jiġu ddeterminati proposti u linji ta’ azzjoni konkreti biex il-lajċi jkunu jistgħu jissaħħu fir-realtajiet lokali tagħhom. It-tielet fażi għandha l-għan li tiġbor flimkien dak kollu li joħroġ mill-ewwel żewġ fażijiet u jkunu ppreżentati proposti konkreti għall-Kapitlu Ġenerali 2025. Għal aktar tagħrif dwar dan il-proċess wieħed jista’ jsegwi l-materjal li diġà hemm fuq is-sit elettroniku https://elink.do/congresocarm2024
Fost punti oħra tal-aġenda, is-Segretarjat għal-Lajċi ddiskuta wkoll l-organizzazzjoni ta’ Kungress Internazzjonali għall-Mexxejja tat-Terzjarji Karmelitani li għandu jsir mis-26 ta’ Frar sat-2 ta’ Marzu 2025 f’Casa San Nuno de Santa Maria, Fatima (Portugall).