Is-sellum li jgħaqqadna m’Alla
L-eżerċizzju tal-lectio divina huwa l-għarfien u t-twettieq bl-għemil tar-rieda ta’ Alla permezz tal-Kotba Mqaddsa. It-terminu lectio divina jfisser qari tal-Kelma ta’ Alla. Imma dan l-eżerċizzju mhux sempliċi qari tal-Bibbja. Ifisser li wara qari attent tal-Kelma ta’ Alla, wieħed jimmeditaha, jitlob permezz tagħha u jikkontemplaha, b’tali mod li jħalliha taħdem fih, fi ħsibijietu, xewqatu, għemilu, u jħalliha tagħġnu kif trid hi, hekk li jsir ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla.
L-erba’ skaluni tal-Lectio Divina
a) Lectio (Qari) Huwa l-qari bil-mod, bl-attenzjoni u b’vuċi li tinstema’ ta’ silta mill-Kotba Mqaddsa, filwaqt li tħalliha tidħol f’moħħok u f’qalbek. Hawn tajjeb tiftakar li hu Alla li qed ikellmek permezz ta’ din is-silta. Hu qiegħed ikellmek fis-sitwazzjoni konkreta li tinsab fiha. Għaldaqstant aktar milli taqra trid tisma’ x’għandu xi jgħidlek Alla.
b) Meditatio (Meditazzjoni) L-iskop tal-meditazzjoni hu li wieħed jikxef u jsib il-verità moħbija tat-test bibliku. Għalhekk wara li tkun qrajt trid tibda tħaffer u tinżel fil-fond tas-silta sa ma ssib it-teżor moħbi. Dan tasal għalih billi:
– tipprova tifhem sew it-test fih innifsu: billi tfittex il-messaġġ ta’ Alla fit-test; billi teżamina l-azzjonijiet, is-sentimenti, l-ambjent, eċċ.; billi tieqaf fuq kull sentenza, fuq kull kelma (jekk ikun il-każ) u tifliha bir-reqqa bil-ħsieb li taqbad it-tifsira sħiħa tas-silta;
– iġġib f’moħħok (u jekk ikun meħtieg taqra) siltiet oħra mill-Kotba Mqaddsa li għandhom x’jaqsmu mat-test li tkun qrajt, biex tifhmu aħjar fid-dawl ta’ siltiet oħra. Jekk is-silta li għażilt tkun mit-Testment il-Qadim fittex fiha l-Wiċċ ta’ Kristu moħbi fis-silta;
– tfittex x’messaġġ għandu Alla għalik permezz tas-silta li qrajt. X’qegħda tgħidlek fuq ħajtek jew fuq l-ambjent li tgħix fih? Forsi qed titolbok tibdel xi ħaġa fil-ħajja tiegħek jew tqanqlek biex tagħmel xi ħaġa?
Huwa importanti li fl-eżerċizzju tal-lectio divina wieħed isegwi dawn it-tliet punti li semmejna wara xulxin u li jagħtihom ħin biżżejjed.
c) Oratio (Talb) S’issa kien Alla li kellmek permezz tal-qari u tal-meditazzjoni. Issa huwa l-waqt li titkellem int, li twieġeb għall-Kelma tiegħu. Il-Kelma ta’ Alla tista’ tnissel fik diversi sentimenti: tifħir, radd il-ħajr, tnehid, xewqat, sogħba ta’ dnubietek, eċċ… F’dan il-mument tkellem ma’ Alla fuq dak li jkun qallek, fuq il-Kelma tiegħu. Jekk jista’ jkun uża’ xi salm li jesprimi dak li tkun qiegħed tħoss f’dan il-mument. Hekk tkun qed titkellem ma’ Alla bi kliemu stess!
d) Contemplatio (Kontemplazzjoni) F’dan il-waqt erġa’ aqra s-silta u iggustaha bil-mod il-mod fid-dawl ġdid li ksibt fuqha waqt il-Lectio Divina. Il-kontemplazzjoni hija grazzja ta’ Alla. Għaldaqstant, meta jrid u kif irid, Alla jaf idewwqek il-ħlewwa tal-preżenza tiegħu fil-Kelma tiegħu. U int, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħu, aktar ma taqra u titlob il-Kelma ta’ Alla, aktar issir ħaġa waħda miegħu, aktar tibda tara l-affarijiet u l-ġrajjiet ta’ madwarek bl-għajnejn ta’ Alla. Bħala frott tal-lectio divina, ma tkunx aktar int li tgħix imma Kristu li jgħix fik (Gal 2,20).
“Il-Kelma hi qribek sewwa, f’fommok u f’qalbek, sabiex tagħmilha” (Dt 30,14). L-iskop tal-Lectio Divina hu li wieħed jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jpoġġiha fil-prattika. Għalhekk tista’ tagħlaq din il-laqgħa tiegħek mal-Mulej billi żżomm f’moħħok kelma jew sentenza mill-Kelma tiegħu biex tmexxik matul il-jum. Hekk il-Lectio Divina tkunlek ta’ għajnuna biex tirritorna lejn il-ħajja tiegħek ta’ kuljum u tkompli taqdi dmirek b’qawwa ġdida.
Aqra iżjed dwar l-istorja ta’ din l-għamla ta’ talb u r-rabta tagħha mal-Karmelitani