L-Istorja tar-Regula Karmelitana

Il-Patrijarka San Albert


Fid-daħla tar-Regula, għandna preżentazzjoni qasira tal-awtur: “Albertu, imsejjaħ mill-grazzja ta’ Alla, Patrijarka tal-Knisja ta’ Ġerusalemm, … ladarba qegħdin titolbuna, nagħtukom għamla ta’ ħajja…”carmel19alberto

Albertu wasal fil-Palestina bħala Legat tal-Papa għall-bidu tal-1206. Billi f’dan iż-żmien Ġerusalemm kienet taħt il-ħakma tas-Saraċini, il-Patrijarka l-ġdid għazel bħala sede tiegħu l-belt ta’ Akri, belt qrib ħafna tal-Għolja tal-Karmelu. Tul il-Patrijarkat tiegħu Albertu wera ħila kbira bħala medjatur f’bosta missjonijiet ta’ paċi. Il-Papa Innocenzu III stiednu personalment biex jieħu sehem fil-Konċilju Lateran IV li kellu jsir fl-1215. Iżda l-Patrijarka Albertu ġie maqtul fl-14 ta’ Settembru 1214 mis-supretendent tal-Isptar tal-Ispirtu s-Santu fuq ċanfira u talli xlieh minħabba l-ħajja ħażina tiegħu.

Imma aktar minn dawn id-dati biografiċi, lil Albertu nagħrfu tassew min kien meta naqraw ir-Regula li fassal għall-eremiti tal-Għolja tal-Karmelu bejn l-1206 u l-1214, jiġifieri f’xi żmien tul is-snin li għamel bħala Patrijarka ta’ Ġerusalemm. Din l-opra spiritwali, għalkemm qasira, hija kapolavur mibni fuq il-Kelma ta’ Alla. Hija mużajk ta’ testi bibliċi, kemm mit-Testment il-Qadim u kemm mill-Ġdid. M’hemmx sentenza waħda li ma fhijex xi kliem jew riferenza għall-Kotba Mqaddsa. B’danakollu ma jidhirx li Albertu kiteb ir-Regula bil-Bibbja quddiemu. Infatti rarament jikkwota kelma b’kelma. U hawn naraw min kien Albertu: bniedem tassew midħla tal-Kotba Mqaddsa, bniedem li l-Kelma ta’ Alla kien jafha kważi bl-amment! Kien jgħix bil-Kotba Mqaddsa u huma saru ħaġa waħda miegħu, tant li meta jikteb juża kliem mill-Bibbja bħallikieku kienu tiegħu!

Ir-Regula u s-Santa Sede


Fl-1215 il-Konċilju Lateran IV, biex jevita t-taħwid, ma ħalliex li jitwaqqfu Ordnijiet reliġjuzi ġodda u nieda li r-reliġjuzi kollha jagħzlu waħda mir-Reguli diġà approvati mill-Knisja. Din id-deċiżjoni ħolqot problemi mhux żgħar għall-Karmelitani li kienu approvati biss minn Albertu, il-Patrijarka ta’ Ġerusalemm. Infatti xi isqfijiet tal-Art Imqaddsa ħaduha kontra l-eremiti Karmelitani u bdew jakkużawhom li marru kontra d-deċiżjoni tal-Konċilju. Għalhekk il-Karmelitani, li l-għamla ta’ ħajja tagħhom kienet inkitbet qabel dan il-Konċilju u minn persuna li kellha awtorità tagħtiha (Albertu, Patrijarka ta’ Ġerusalemm u Legat tal-Papa fl-Art Imqaddsa), talbu lill-Papa Onorju III jagħtihom l-approvazzjoni tal-għamla ta’ ħajja tagħhom. Dan seħħ fit-30 ta’ Jannar 1226. Il-Papa Onorju III afferma li l-Karmelitani kienu rċevew ir-Regula tagħhom qabel id-digriet tal-Konċilju Lateran IV u għaldaqstant kienu meħlusa mill-projbizzjoni li dan kien għamel. Barra minn hekk, il-Papa nponieha bl-awtorità tiegħu fuq l-eremiti Karmelitani li għamlulu t-talba u fuq dawk li kellhom jiġu warajhom. Iżda min-naħa l-oħra, il-Papa Onorju III qatt ma sejjaħ l-għamla ta’ ħajja ta’ Sant’Albert bħala Regula. L-ewwel darba li ssejħet hekk kien fis-6 ta’ April 1229 meta l-Papa Girgor IX ikkonfermaha.

Sa dan it-tant is-sitwazzjoni politika fil-Palestina bdiet tieħu xejra oħra. Għall-ħabta tal-1238, minħabba l-attakki tas-Saraċini, l-eremiti kellhom iħallu l-Għolja tal-Karmelu u jirriturnaw fl-Ewropa. Infatti bejn 1238 u l-1249 insibu komunitajiet ta’ Karmelitani f’Ċipru, Sqallija, l-Ingilterra, Franza u l-Italja. Quddiem is-sitwazzjonijiet ġodda li sabu ruħhom fihom fl-Ewropa, il-Karmelitani talbu lill-Papa Innoċenzu IV jikkonferma r-Regula u jadattaha. Dan seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1247. L-approvazzjoni tar-Regula ta’ San Albert mill-Papa Innoċenzu IV kienet ta’ importanza fundamentali fl-istorja tal-Ordni. Biha dan il-grupp ta’ eremiti-pellegrini sar Ordni religjuż tassew. Aktar tard ir-Regula definittiva ta’ Innoċenzu IV kienet ikkonfermata wkoll mill-Papiet Alessandru IV (1256), Urbanu IV (1261) u Nikol IV (1289).